ONE.COM.MT • Illum il-Qorti tressaq Sirjan ieħor b’rabta mal-ġlieda kbira li seħħet bejn diversi persuni l-Ħamis li għadda fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun.
Aktar persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’rabta mal-istess ġlieda fil-jiem li ġejjin.
KITBA: MATTHEW FARRUGIA
FILMAT: CHRIS BORG
Abdullah Ahmed, Sirjan ta’ ħamsa u tletin sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li l-Ħamis li għadda ta daqqa u weġġa’ lil raġel ieħor bl-isem ta’ Turki Ali.
Il-każ seħħ fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun, u l-ġlieda li kienet tinvolvi mat-tlettax-il persuna dehret f’filmati li xxerrdu fuq il-midja soċjali aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-imputat huwa t-tieni persuna li tressaq quddiem il-ġustizzja b’rabta ma’ din il-ġlieda, wara li s-Sibt tressaq u nżamm arrestat Abdullah Sheikh Ahmad.
Fil-Qorti ntqal li l-ġlieda bdiet minħabba serqa, u żewġ familji li allegatament kienu involuti, ippruvaw jirranġaw is-sitwazzjoni bejniethom mingħajr ma rrappurtaw mal-Pulizija.
Intqal li kien hemm numru ta’ verżjonijiet ta’ din l-istorja, hekk kif dakinhar tal-ġlieda kien hemm min qal li ltaqgħu quddiem l-għassa tal-Ħamrun biex jirranġaw ir-relazzjoni bejn il-familji, u kien hemm min qal li ma kien hemm ebda pjan biex dawn jiltaqgħu.
Id-difiża stqarret li hemm dubji kbar dwar jekk l-imputat huwiex il-persuna li allegatament ta d-daqqa li weġġa’ lill-vittma Turki Ali, li kien ukoll preżenti fl-awla.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif il-vittma u diversi persuni fuq il-post, qalu li l-imputat kien dak li ta d-daqqa.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni, hekk kif innutat is-serjetà tal-każ u minħabba li għad fadal numru ta’ xhieda pajżana.
L-avukat min-naħa tal-parte civile qal kif il-grupp kbir ta’ persuni involuti fil-każ, huma persuni li jgħaddu minn ħdejn xulxin ta’ kuljum, u huwa faċli biex wieħed jiġi intimidat. Intqal ukoll li l-imputat kellu wkoll sikkina, u li l-ġrieħi ħfief li sofra l-vittma setgħu kienu ferm agħar.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat li x-xhieda jitilgħu l-Qorti mill-aktar fis possibbli.SIRJAN
Ещё видео!